Pass Pass Imxejt Id f’Id m’Alla

[auth]Onestament ma kienx hemm perjodu f’ħajti fejn niftakar li kien hemm turning point li ġegħlitni nemmen f’Alla. Il-fidi dejjem kienet preżenti fil-familja tiegħi, u allura trawwimt u kbirt fil-fidi. Aktar kemm bdejt nikber, aktar bdejt inħoss ix-xewqa u nixxennaq biex inkun naf u nħobb lil Alla!

Bdejt inħoss li qisu Alla jrid xi ħaġa minni u li ppermetta li jkolli diżabilita’ għax ried li biha jiġbed in-nies lejh. Imma għalija kien diffiċli ħafna biex nemmen li hemm missjoni u evanġelizazzjoni li Alla kien ħejja partikoralment għalija! Speċjalment meta bdejt nara li d-diżabilita’ qed tagħmilli ħafna ostakli biex saħansitra nkompli ngħix u nkun viċin Alla u ngħix ħajti kollha għalih permezz ta’ vokazzjoni.

Niftakar li darba kont qed nitlob u smajt leħen fija jgħidli
“Imbilli ma timxix ma jfissirx li jien ma nistax Immexxik, naf li kull ma tuża int hu seba’ wieħed imma nassigurak li jekk tħalli f’ idejja, dak is-seba’ jista’ jagħmel ħafna ġid, daqs, jekk mhux aktar, milli jistgħu jagħmlu jdejk it-tnejn f’daqqa! Tinsiex li għalija bħala Alla, m’hemm xejn li ma jistax jkun!"

Bil-mod il-mod bdejt niskopri t-talent tal-kitba. Bl-għajnuna t’Alla u ta’ ħafna nies oħra, skoprejt li Alla ried ikun imsebbaħ permezz tiegħi, permezz tal-kitba. Illum-il ġurnata ili erba’ snin nikteb il-ħsieb tal-Evanġelu ta’ kull nhar ta’ Ħadd biex jinqara fuq ir-radju. Nikteb diversi artikli u ta’ kuljum nippostja fuq il-facebook messaġġi pożittivi u kif Alla sebbaħli lil ħajti!

Naturalment, m’iniex ngħid li s-salib tad-diżabilita’ mhux tqil imma issa m’għadnix nitlob biex Alla jneħħili d-diżabilita’ għax naf u nifhem li għal Alla l-importanti li d-diżabilita’ ma taffetwax ir-relazzjoni tiegħi miegħu! Nippreferi ħafna ngħix bid-diżabilita’ u naf li Alla qiegħed miegħi jgħinni nnġorr is-salib, milli m’għandix diżabilita’ u ngħix daqslikieku m’ hemmx Alla, iddisprata taħt is-salib!

Lynn[/auth]